Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ U DJALOGU SOĊJALI

Reference Number: PR172895, Press Release Issue Date: Dec 15, 2017
 

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia, nedew tliet proġetti fil-qasam tas-saħħa b’fondi Ewropej.

Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li permezz ta’ dawn il-proġetti se jingħata taħriġ lil 6,700 ħaddiem fis-saħħa għal servizz ta’ aktar kwalità.

Aaron Farrugia spjega li l-ewwel proġett bl-isem ta’ ‘Non-Technical Skills Training for Healthcare Personnel’ għandu l-għan li jibni attitudni pożittiva lejn ħaddiema li jaħdmu fis-saħħa u li jagħti aktar kunfidenza lill-pazjenti u l-familjari tagħhom.  F’dan il-proġett se jingħata taħriġ li ser iwassal biex ikun hemm kura ta’ kwalità aħjar.  Dan il-proġett għandu valur ta’ €3.3 miljun u se jiġu mħarrġa 6,000 individwu permezz tiegħu.

Rigward it-tieni proġett, li jġib l-isem ta’ ‘Developing Allied Health Capacity to Sustain Health Care Needs’, is-Segretarju Parlamentari qal li dan għandu valur ta’ €2.1 miljun, u li dawn il-fondi se jintużaw għal taħriġ f’oqsma speċjalizzati li għandhom x’jaqsmu mal-eżaminazzjoni tal-għajnejn u prostetika.  Dan it-taħriġ se jara madwar 10 studenti jintagħżlu biex jieħdu l-maġġoranza tat-taħriġ tagħhom f’universitajiet barra minn xtutna f’livell ta’ Baċċellerat u Master’s.

Permezz tat-tielet proġett li jismu’ ‘Establishing a National Platform to Address Social Determinants of Health’, se jiġu mħarrġa 700 individwu li jaħdmu fil-kura tas-saħħa.  Dan huwa mmirat sabiex inaqqas problemi fis-saħħa tal-Maltin li huma determinati mid-dimesjoni soċjali. Il-mira hija li l-Maltin ikomplu jaħdmu lejn stil ta’ ħajja aktar sana.  Huwa qal li fost l-oħrajn se tkun qed issir riċerka dwar l-aspetti soċjali fil-ħajja tal-Maltin li jaffettwaw is-saħħa tagħhom u kif dawn jistgħu jiġu indirizzati. Dan il-proġett għandu valur ta’ €2.2 miljun.

Dawn it-tliet proġetti huma parti mill-programm ta’ Fondi Ewropej 2014-2020.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Fearne qal li fil-qasam tas-saħħa kellna proġetti kbar ta’ infrastrutura li kienu possibbli grazzi għall-fondi tal-Unjoni Ewropea, bħaċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, u semma wkoll kif bħalissa għaddej ix-xogħol preparatorju għall-Paola Hub.

“Dawn it-tliet proġett huma differenti, dawn it-tliet proġetti huma dwar taħriġ ta’ ħaddiema u riċerka.  Permezz ta’ wieħed mill-proġetti għaxar studenti se jkollhom il-possibbiltà li jitħarġu fi speċjalitajiet partikolari f’universitajiet barranin.  Fi proġett ieħor se ssir riċerka dwar l-aspetti soċjali tal-ħajja Maltija u kif dawn jaffettwaw s-saħħa tagħna”, qal id-Deputat Prim Ministru.

Huwa qal li l-aktar għal qalbu huwa proġett li se jinvolvi taħriġ tal-ħaddiema kollha tad-Dipartiment tas-Saħħa li għandhom kuntatt dirett mal-pazjenti.  “Dan il-proġett se jwassal biex il-pazjent jingħata servizz aktar ħolistiku”, qal id-Deputat Prim Ministru.