Navigate Up
Sign In

Disinn ġdid għaċ-Ċentru tas-Saħħa Reġjonali Ċensu Moran

Reference Number: PR200932, Press Release Issue Date: May 16, 2020
 

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU, MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ

-

Filmati taż-żjara, kummenti u disinn tal-binja: https://we.tl/t-UjL2Xzco9z

Ix-xogħol fuq iċ-Ċentru tas-Saħħa Reġjonali ta’ Raħal Ġdid, magħruf bħala ċ-Ċentru Reġjonali Ċensu Moran, daħal fid-disa’ xahar tiegħu u qed javvanza b’ritmu tajjeb, tant li fil-ġranet li ġejjin mistenni jibda xogħol ta’ skavar biex sal-aħħar tas-sena tkun telgħet l-ewwel binja.

Dan wara li ġew aġġustati d-disinni tal-binja sabiex ikunu ppreservati żoni sensittivi li nstabu wara li bdew ix-xogħlijiet, li jinkludu xelter ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinija u ġibjun tal-ilma, li issa ġew inkorporati fid-disinni l-ġodda.

Waqt żjara fuq il-post, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne tenna li ladarba jkun lest, dan iċ-ċentru tas-saħħa se jkun mgħammar b’tagħmir tal-ogħla livell biex ikunu offruti aktar minn 25 servizz lil madwar 205,000 persuna li jgħixu fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta.  Spjega li dan se jwassal biex jitħaffef il-piż fuq l-Isptar Mater Dei, fid-dawl li se jkunu qed isiru saħansitra operazzjonijiet ħfief fiċ-ċentru stess.

Id-Deputat Prim Ministru kien akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.  Is-segretarju parlamentari qal li l-bini taċ-Ċentru Reġjonali Ċensu Moran se jkun qed jiffaċilita l-aċċess li n-nies fil-komunità jkollhom għas-saħħa primarja. Stefan Zrinzo Azzopardi sostna li permezz ta’ dan l-investiment ta’ 33 miljun ewro, dan iċ-ċentru tas-saħħa se jkun qed itejjeb il-livell ta’ għajxien tan-nies, ħidma konkreta ta’ kif il-fondi Ewropej qed jintefqu favur in-nies.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) Carmen Ciantar spjegat li dan il-proġett se jkollu kobor konsiderevoli fuq medda ta’ 40 tomna art. Saħqet li l-Fondazzjoni ħadmet id f’id mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali biex il-wirt storiku li nstab jiġi preservat filwaqt li x-xogħlijiet jibqgħu għaddejjin mingħajr ma ssir ħsara lis-sejbiet arkeoloġiċi.