Navigate Up
Sign In

Varat master plan dwar il-widien bi proġett ta’ €17-il miljun

Reference Number: PR201468, Press Release Issue Date: Jul 30, 2020
 
 
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TALKONSUMATUR, IL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA U L-IMMANIĠJAR TAL-ILMA U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ  
 
 
 
Master plan maħsub biex jiżdied l-għarfien xjentifiku tal-widien f’Malta u Għawdex ġie varat bi proġett b’investiment ta’ €17-il miljun, li 60% minnhom ġejjin minn fondi Ewropej u 40% minn fondi Maltin. Il-varar tal-proġett, li huwa wieħed konġunt bejn il-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġjar tal-Ilma, il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u s-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej, sar waqt konferenza tal-aħbarijiet fi Ġnien Howard, ir-Rabat.  
 
L-implimentazzjoni tal-proġett se tkun qed issir min-naħa tal-Valley Management Unit fi ħdan Parks Malta u l-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma. Parks Malta, li taqa’ taħt il-Ministeru għat-Turiżmu u lProtezzjoni tal-Konsumatur, qed toħroġ €1.8 miljun għal dan il-proġett. 
 
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li l-master plan jaħseb biex ikun formulat pjan strateġiku biex il-widien jitmexxew b’mod aħjar. Saru studji dettaljati dwar l-ekoloġija u l-idroloġija f’iktar minn 80 kilometru ta’ widien. L-istudji jkopru l-flora li hemm fil-widien, dettalji fejn hemm l-ilma, fejn hemm speċi invasivi u indiġeni. Fl-istudji ġew inkwadrati s-sistemi kollha mnejn jibdew u jispiċċaw il-widien. 
 
“Il-widien tagħna jipprovdu diversi servizzi li forsi mhux daqstant rikonoxxuti, bħalma huwa lprovvista għall-ilma tal-pjan, id-dakkir tal-fjuri min-naħal bil-kontribut li dawn jagħtu, fost oħrajn għall-prodotti tal-biedja. Servizz ieħor provdut mill-widien huwa l-iżvog offrut għall-mixjiet li wieħed jista’ jagħmel fihom f’arja daqstant nadifa,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli. 
 
L-istudji wasslu wkoll biex ikun stabbilit fejn hemm nuqqas ta’ ċerti servizzi u f’liema widien. Inħolqot ukoll metodoloġija biex ikun magħruf kif jista’ jsir titjib fl-aspetti kollha preżenti fil-widien. “Inħares ‘il quddiem biex bħala Parks Malta, flimkien mal-entitajiet konċernati, inkomplu noffru laqwa livell ta’ widien f’Malta u f’Għawdex,” sostniet il-Ministru Farrugia Portelli, filwaqt li fakkret li ftit tal-ġimgħat ilu Parks Malta mbarkat fuq proġett f’Wied il-Baħrija b’investiment ta’ €20,000, proġett li jinvolvi miżuri ta’ kontroll u studji ta’ speċi invasiva ta’ crayfish. Dan il-proġett qed isir ukoll f’Wied Għajn Żejtuna fil-Mellieħa u Wied l-Isperanza fil-Mosta. Wied ieħor li sar xogħol fuqu huwa Wied Garnaw f’Santa Luċija.  
 
Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġjar tal-Ilma Michael Farrugia qal li dan il-proġett, li huwa kofinanzjat mil-Programm LIFE tal-Unjoni Ewropea, huwa proġett strateġiku fil-qasam tal-immaniġjar tal-ilma f’pajjiżna. Dan għaliex se jkun qiegħed jgħin lil pajjiżna jindirizza l-isfidi varji li għandna fis-settur tal-ilma. 
 
 
Huwa qal li l-proġett LIFE RBMP Malta qiegħed jagħti l-opportunità li nikkunsidraw l-isfidi li għandna fis-settur tal-ilma b’mod ħolistiku u li jiġu identifikati prattiċi ġodda jew metodi aħjar ta’ kif għandna nimmaniġġjaw jew niżguraw l-użu tajjeb u l-protezzjoni tar-riżorsi importanti tagħna. 
 
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-proġett imħabbar huwa parti minn sensiela ta' proġetti li għalihom inkisbu fondi Ewropej b'mod dirett mill-programm Life Integrated. Hu saħaq li dawn il-fondi huma fondi addizzjonali li Malta kisbet lil hinn mill-fondi allokati għal Malta filprogramm 2014-2020. Hu qal li, permezz ta’ investiment ta’ €17-il miljun, pajjiżna se jkun qed jilħaq miri marbuta mad-direttiva Ewropea dwar l-ilma. Is-Segretarju Parlamentari stqarr li fost l-inizjattivi u proġetti hemm dawk maħsuba biex  inaqqsu l-konsum tal-ilma filwaqt li jittieħdu inizjattivi biex jiġu mħarsa sorsi tal-ilma u li titjieb il-kwalità tal-ilma li nikkonsmaw. Hu kkonkluda li l-masterplan imħabbar illum se jkun qed jagħti direzzjoni aħjar dwar l-immaniġjar tal-widien li jikkumplimenta inizjattivi oħra li jnaqqsu l-produzzjoni tal-ilma, filwaqt li joffri alternattivi oħra biex innaqqsu ddipendenza fuq l-ilma tal-pjan. 
 
Min-naħa tiegħu, l-uffiċjal inkarigat mill-valley management fi ħdan Parks Malta, s-Sur Alexander Borg Galea, flimkien mal-konsulent s-Sinjura Rachel Xuereb, taw preżentazzjoni fejn spjegaw fiddettall dan il-master plan u l-ħsieb warajh.  
pr201468a.jpg  
pr201468b.jpg 
pr201468c.jpg 
pr201468d.jpg