Navigate Up
Sign In

Aktar aċċessibbiltà għal 3,000 bidwi permezz ta’ Fondi Ewropej

Reference Number: PR201518, Press Release Issue Date: Aug 08, 2020
 
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, SAJD U DRITTIJIET TALANNIMALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ  
 
 
Il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi wrew sodisfazzjon kbir bis-suċċess li kellha l-implimentazzjoni tal-Miżura 4.3 b’investiment ta’ madwar €17-il miljun f’fondi Ewropej taħt il-programm għall-Iżvilupp Rurali għal Malta 2014-2020. 
 
Din il-miżura tkopri investimenti fl-infrastruttura agrikola fejn ingħatat għajnuna finanzjarja biex sar it-titjib f’195 triq rurali f’Malta u Għawdex.  
 
Il-Ministru Refalo qal li, “permezz tal-Miżura 4.3 aħna komplejna nibnu fuq il-progress li sar filpassat sabiex numru ta’ toroq li jagħtu aċċess għal diversi għelieqi f’Malta u f’Għawdex jerġgħu jinbnew jew jiġu rranġati skont il-bżonn”. 
 
Il-proġett tal-Kunsill Lokali ta’ Kerċem kien wieħed mill-benefiċjarju ta’ għajnuna pprovduta minn din il-miżura, fejn irċeva għotja ta’ aktar minn €300,000 sabiex seta’ jitwettaq il-proġett fi Triq lGħadira f’Kerċem. Dan il-proġett inkluda wkoll sistema għall-ġbir tal-ilma tat-triq, sabiex l-ilma li jinġabar ikun jista’ jintuża mill-bdiewa għall-attivitajiet agrikoli tagħhom. 
 
Il-Ministru Refalo spjega u qal li, “peress li issa wasalna lejn l-aħħar tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020, din il-miżura ngħalqet u mhux se jinfetħu sejħiet oħra għall-applikazzjoni. Madankollu, il-gvern għaddej b’ħidma kontinwa sabiex jiġu ppreparati l-iskemi ta’ għajnuna li se jkopru l-perjodu 2021-2027 bil-għan li nintervjenu fejn hemm l-aktar bżonn sabiex tissaħħaħ issostenibbiltà tas-settur agrikolu tagħna u nkomplu nappoġġjaw kemm nistgħu lill-bdiewa u r-raħħala f’pajjiżna”. 
 
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ fondi Ewropej l-investiment fis-settur agrikolu qed jiġi estiż għall-preservazzjoni u l-ħarsien tal-wirt taż-żoni rurali inġenerali. Hu spjega li din il-miżura appoġġjat 28 kunsill lokali bħala benefiċjarji diretti u sitt kunsilli lokali permezz ta’ interventi li saru minn Infrastructure Malta biex isaħħu l-aċċessibbiltà għal diversi żoni rurali fejn komplessivament ġew mgħejuna aktar minn 3,000 bidwi. Stefan Zrinzo Azzopardi kkonkluda billi qal li dawn il-fondi Ewropej qed isaħħu s-settur b’mod olistiku, hekk kif jagħtu sostenn finanzjarju dirett fejn 90% tal-ispejjeż tax-xogħlijiet jiġu koperti minn fondi Ewropej, filwaqt li l-entita toħroġ biss 10%.  

 Għal aktar informazzjoni dwar dawn il-miżuri jew miżuri oħra ffinanzjati minn fondi Ewropej, jista’ jsir kuntatt mal-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali permezz ta’ email fuq arpa.mafa@gov.mt jew numru tat-telefon 22 926 148.
 
pr201518a.jpg 
pr201518b.jpg 
pr201518c.jpg 
pr201518d.jpg