Navigate Up
Sign In

Restawrat it-Torri ta’ Sant’Agata Ta’ Sdieri (Torri l-Aħmar)

Reference Number: PR201673, Press Release Issue Date: Sep 07, 2020
 
 
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TALKONSUMATUR U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ 
 

 
Proġett ta’ xogħol ta’ restawr li sar fuq it-Torri ta’ Sant’Agata Ta’ Sdieri, fil-limiti tal-Mellieħa, aktar magħruf bħala t-Torri l-Aħmar, ġie inawgurat mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. Ix-xogħol ta’ restawr sar kemm fuq barra tat-torri kif ukoll fuq ġewwa u sewa aktar minn €306,000. 
 
Il-proġett sar b’kollaborazzjoni mal-għaqda mhux governattiva Din l-Art Ħelwa u hu finanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea u ko-finanzjat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Il-proġett huwa magħruf bħala ‘The Northern Coastal Watch’ u jinkludi żewġ torrijiet oħrajn, wieħed f’Kemmuna u l-ieħor fid-Dwejra, Għawdex, b’investiment totali ta’ madwar miljun ewro. 
 
F’diskors għall-okkażjoni l-Ministru Farrugia Portelli qalet li, “l-inawgurazzjoni ta’ dan ilproġett hu ta’ sodisfazzjon għax ġawhra oħra li għandu pajjiżna u li tattira lejha madwar 30,000 turist ġiet restawrata u kkonservata. Dan ifisser li qed inżommu l-prodott turistiku fl-aqwa kundizzjoni u nippreservaw il-wirt storiku għall-ġenerazzjonijiet futuri. Dan il-proġett huwa parti mill-istrateġija tal-Gvern biex f’dan iż-żmien tal-pandemija COVID-19 tinħataf lopportunità biex isir aktar xogħol biex jissaħħaħ il-prodott turistiku inkluż dak kulturali. Bħalissa hemm sensiela ta’ proġetti ta’ restawr li qegħdin isiru mill-Awtorità Maltija għatTuriżmu u li juru l-impenn tal-Gvern fis-settur.” 
 
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq li permezz talproġett tat-Torri l-Aħmar, ko-finanzjat b’fondi Ewropej, qed inkomplu nesponu l-wirt kulturali u storiku ta’ pajjiżna. Huwa saħaq li proġetti bħal dawn jilħqu żewġ miri mill-ħamsa li semma l-Prim Ministru Robert Abela bħala d-direzzjoni li se jkun qed jieħu l-gvern. Dawn huma linvestiment fl-infrastruttura, li jinkludi dik turistika, u t-tkabbir ekonomiku li t-turiżmu jġib miegħu. Is-segretarju parlamentari temm jgħid li waqt li qed infasslu l-programm ta’ kif se jintefqu l-fondi allokati għal Malta fil-baġit Ewropew, qegħdin nilħqu l-aqwa miri possibbli. 
 
Il-President tal-Għaqda Din l-Art Ħelwa, Alex Torpiano, tkellem dwar kif din l-għaqda, li ilha tagħmel dan ix-xogħol għal 55 sena, għandha l-għan li tqajjem kuxjenza dwar il-wirt kbir li ħallewlna missierijietna u li llum huma t-teżori tagħna. Huwa esprima l-gratitudini tiegħu għallgħajnuna tal-ministeru, tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u tas-Segretarjat Parlamentari għallFondi Ewropej biex irrestawraw dan il-post. “Dan il-mudell ta’ kooperazzjoni ma’ entità bħall Awtorità Maltija għat-Turiżmu kien mudell ġdid u għandi ngħid li kien ta’ suċċess. Din l-Art Ħelwa se tibqa’ taħdem mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-ministeru biex ma jinqeridx ilwirt mibni u naturali li għandna. Dik hija r-responsabbiltà li għandna għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna”, sostna l-Prof. Torpiano.  
 
 
Min-naħa tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, iċ-Chairman Dr Gavin Gulia rrefera għall-figuri internazzjonali tal-Kummisjoni Ewropea fejn 4 minn kull 10 turisti jfittxu destinazzjoni li toffri esperjenza kulturali u storika u għaldaqstant huwa imperattiv li siti bħal dawn jiġu ppreservati u kkonservati.  
 
Ix-xogħol ta’ restawr fuq barra tat-torri kien jinkludi t-tneħħija ta’ affarijiet li twaħħlu miegħu u li ma kellhom ebda valur storiku kif ukoll interventi fuq konsenturi u bdil ta’ ġebel li ddeterjora jew li kellu ħsarat fih. 
 
Fuq ġewwa tat-torri sar xogħol estensiv fuq il-ħitan, restawr tal-art kif ukoll restawr ta’ aperturi u mezzi tas-sigurtà oriġinali. Ġiet installata sistema ġdida ta’ dawl kif ukoll sistema ta’ sigurtà. 
 
It-Torri ta’ Sant’Agata Ta’ Sdieri huwa wieħed mit-torrijiet mibnijin għal skopijiet ta’ difiża mill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Huwa nbena fis-sena 1649 fi żmien il-Gran Mastru Jean Paul Lascaris Castellar u serva għall-istess skopijiet anke fi żmien l-Ingliżi f’Malta, tant li kien attrezzat għal dan il-għan tul iż-żewġ gwerer dinjin. Sar aktar magħruf bħala t-Torri lAħmar minħabba l-kulur li huwa miżbugħ bih. 
 
It-torri huwa taħt il-ħarsien tal-organizazzjoni non-governattiva Din l-Art Ħelwa, li kienet ingħatat l-inkarigu fl-1998. 
 
Preżenti wkoll għall-inawgurazzjoni tal-proġett kien hemm il-Viċi Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa John Buttigieg kif ukoll is-Segretarja tal-Għaqda Din l-Art Ħelwa Simone Mizzi u l-eks President tal-istess għaqda Maria Grazia Cassar. 
 
pr201673a.jpg
pr201673b.jpg
pr201673c.jpg 
pr201673d.jpg 
pr201673e.jpg