Navigate Up
Sign In

Inawgurat il-pont għall-mixi u għaċ-ċiklisti f’Kordin b’investiment ta’ €1.6 miljun

Reference Number: PR202280, Press Release Issue Date: Nov 16, 2020
 
 
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU


Il-prijorità għal dan il-gvern hi li nassiguraw li jkollna mhux biss toroq ta’ kwalità iżda aktar siguri – il-Prim Ministru Robert Abela


Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura uffiċjalment il-Pont tal-Għaqda f’Kordin b’investiment ta’ €1.6 miljun. Dan huwa t-tielet pont għall-mixi u għaċ-ċiklisti li ġie inawgurat din is-sena bil-għan li pajjiżna jkollu infrastruttura sigura għal modi ta’ vjaġġar alternattiv. Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru kien hemm il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.

Fl-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett, il-Prim Ministru qal li hija prijorità għal dan il-gvern li nassiguraw li jkollna mhux biss toroq ta’ kwalità iżda toroq aktar siguri. Dan bil-għan li nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.

“Bħala missier nifhem it-tħassib li kellhom ħafna ġenituri ta’ dawn l-istudenti minħabba l-periklu biex jaqsmu din it-triq. Bis-saħħa ta’ dan il-pont issa għandna rotta eħfef u ħafna iktar sigura minn Ġnien il-Mediterran, l-aktar għal eluf ta’ student li jimxu, isuqu r-rota jew jużaw it-trasport pubbliku  biex imorru l-MCAST jew l-Iskola Mariam Al Batool li tinsab ftit ‘il fuq fit-telgħa”, qal il-Prim Minsitru

Żied jgħid li dan il-proġett ser jikkontribwixxi wkoll fil-viżjoni ambjentali li għandna għall-pajjiżna li nagħmluh ħieles mill-karbonju tal-2050.

“Se nkunu qegħdin nagħtu ambjent aħjar kif ukoll nifs ħadrani lil pajjiżna permezz tat-tneħħija tat-traffic lights li se jwasslu għal inqas traffiku u għalhekk inqas dewmien u inqas emissjonijiet kawża tal-konġestjoni tat-traffiku”, qal Dr Abela.

Qal ukoll li l-infrastruttura moderna li qed nagħtu lil pajjiżna qed timmarka t-trasformazzjoni radikali fil-mod ta’ kif qed inħarsu lejn is-sistema tat-trasport tagħna li kienet ilha snin twal għatxana għal proġetti bħal dawn li qegħdin jiġġeneraw benefiċċji tanġibbli għall-poplu tagħna.

Id-disinn li ġie adottat għall-pont hu wieħed li jixraq u li jikkumplimenta l-estetika tal-pajsaġġ u li hu adegwat meta mqabbel mat-tul tal-bini. Minbarra din l-infrastruttura ta’ kwalità aħjar għan-nies, il-proġett jinkludi wkoll numru ta’ faċilitajiet bħal lifts u rampi għal aċċessibbiltà aħjar, sistemi adegwati ta’ dwal u CCTV għas-sigurtà. Apparti dan, fil-madwar inżergħu 150 siġra indiġena u 65 arbuxell minn Infrastructure Malta.

 
Min-naħa tiegħu il-Ministru Ian Borg qal li llum qed naraw proġett ieħor frott l-impenn infrastrutturali
li għandu dan il-gvern għal pajjiżna. “Nirringrazzja lil Infrastructure Malta tal-ħidma impenjattiva u
kontinwa tagħhom biex dejjem jinħolqu faċilitajiet siguri u ta’ kwalità għolja għall-utenti tat-toroq
kollha, b’mod speċjali dawk li jkunu aktar vulnerabbli. Ninsabu kommessi u entużjasti biex inkomplu
noħolqu aktar tkabbir sostenibbli kif ukoll ninvestu fil-komunitajiet tagħna”, stqarr il-Ministru Ian
Borg.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-proġett qed jiġi ffinanzjat permezz
ta’ €1.6 miljun mill-fondi Ewropej. Huwa qal li dan jifforma parti minn kullana ta’ proġetti bħallpont
tal-Blata l-Bajda, ko-finanzjat b’fondi Ewropej bl-ammont ta’ €37 miljun maħsuba biex
jindirizzaw bidla fil-mod ta’ trasport li nużaw. L-isem Pont tal-Għaqda ġie mill-fatt li se jkun qed
jgħaqqad l-MCAST u Kordin mal-kumplament ta’ Raħal Ġdid, jiffaċilita l-aċċess għal madwar 9,000
student u 1,000 edukatur li jmorru l-MCAST ta’ kuljum stqarr is-Segretarju Parlamentari Zrinzo
Azzopardi. “Issa persuna tista’ taqsam b’mod faċli u sigur, filwaqt li qed jiġi mminimizzat it-traffiku hekk kif se jkunu qed jitneħħew it-traffic lights”, ikkonkluda s-segretarju parlamentari.

pr202280a.jpg
pr202280d.jpg
pr202280f.jpg

 
Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi inawguraw uffiċjalment il-Pont tal-Għaqda f’Kordin.