Navigate Up
Sign In

Malta tilqa’ l-approvazzjoni mill-Kunsill dwar Digital Green Certificate

Reference Number: PR210753, Press Release Issue Date: Apr 21, 2021
 
 
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ


Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi ħa sehem fil-laqgħa informali tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea li saret illum b’mod virtwali. Il-laqgħa ddiskutiet kif l-Unjoni Ewropea se timxi ’l quddiem dwar id-Digital Green Certificate wara li dan kien approvat mill-Kunsill Ewropew.

Il-proposta għal regolament dwar dan iċ-ċertifikat taħseb għal qafas legali fl-Unjoni Ewropea bil-għan li tinħoloq sistema waħda biex jiġi ffaċilitat il-moviment ħieles tal-persuni bejn l-Istati Membri.Wara li l-Kunsill Ewropew ta l-approvazzjoni tiegħu, huwa mistenni li fi żmien qasir jibdew in-negozjati bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew.

Fl-intervent tiegħu s-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi wera s-sodisfazzjoni tal-Gvern Malti għall-approvazzjoni ta’ Digital Green Certificate mill-Kunsill Ewropew u fisser dan bħala azzjoni ewlenija importanti fl-isforzi kontra l-effett tal-Covid-19.

Huwa sejjaħ biex jinżammu ċerta elementi ta’ flessibiltà li hemm fil-pożizzjoni li ħa l-Kunsill biex jitħalla spazju għal emendi jekk ikun hemm żviluppi xjentifiċi li bħalissa għadhom mhux magħrufa.Aktar minn hekk, ċertu elementi marbuta mal-kompetenzi u l-prerogattivi tal-Istati Membri għandhom jinżammu wkoll minħabba l-fatt li s-sitwazzjoni tat-tixrid tal-virus mhijiex l-istess fl-Istati Membri kollha.

Il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali ddiskuta wkoll x-xogħol li qed isir mit-tlett istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar il-Konferenza fuq il-Futur tal-Ewropa. Il-konferenza qed titqies bħala eżerċizzju wiesgħa u inklussiv, bil-għan li ċittadini mill-Unjoni Ewropea minn kull qasam tal-ħajja iwasslu l-opinjoni tagħhom dwar il-futur tal-Ewropa ħalli dawk li jfasslu l-politika jkunu iggwidati. Diġa tnediet pjattaforma diġitali b’diversi lingwi bil-għan li ttella’ online attivitajiet organizzati minn
dawk interessati fl-Istati Membri kollha.

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi qal li Malta qegħda tipprepara għal din il-konferenza u ser taħdem bis-sħiħ biex iċ-ċittadini Maltini ikunu fil-qalba ta’ dan l-eżerċizzju ta’ diskussjoni iffukata fuq ir-realtajiet taċ-ċittadini, il-ħtiġijiet, u l-aspirazzjonijiet tagħhom.Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa mistennija tibda fid-9 ta Mejju li ġej.

Il-Kunsill illum iddiskuta wkoll l-iżviluppi ewlenin fil-qasam tas-saltna tad-dritt f’ħames stati membri, jiġifieri l-Ġermanja, Franza, Spanja, l-Greċja u l-Irlanda bħala parti mid-djalogu annwali fuq is-saltna tad-dritt. Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi laqa’ dan il-proċess u stqarr li Malta qegħda tagħti importanzi kbira lil dan id-djalogu bi-annwali.

Temi oħra diskussi fil-laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-lum inkludew ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mar-Renju Unit, il-proċess tat-tkabbir u stabilizzazzjoni u l-proċess ta’ Assoċjazzjoni.

pr210753a.jpg 
pr210753b.jpg

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi ħa sehem fil-laqgħa informali tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.​