Il-kampanja ‘L-Ilma – Ibda Minnek’ tintemm b’suċċess f’Għawdex
Navigate Up
Sign In

Il-kampanja ‘L-Ilma – Ibda Minnek’ tintemm b’suċċess f’Għawdex

Reference Number: PR211363, Press Release Issue Date: Jul 18, 2021
 
​ STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX, MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-INTRAPRIŻA U L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ


Wara xahrejn ta’ distribuzzjoni intensiva fost l-Għawdxin, il-gvern iħabbar kollaborazzjoni biex jitkompla t-tqassim tal-water saving kits

Fl-aħħar seba’ ġimgħat, diversi familji Għawdxin irċevew kits għall-konservazzjoni tal-ilma hekk kif il-kampanja nazzjonali għall-konservazzjoni, ‘L-Ilma – Ibda Minnek’ (Water – Be the Change), kienet qed iddur il-lokalitajiet f’Għawdex.

Permezz ta’ din il-kampanja, aktar minn 12,000 familja f’Għawdex ingħataw l-opportunità li jirċievu water saving kits matul ix-xhur ta’ Ġunju u Lulju. Il-kampanja WATER – Be the Change għandha l-għan li tkompli testendi l-kollaborazzjoni mal-Ministeru ta’ Għawdex b’parteċipazzjoni tal-mobile unit f’avvenimenti organizzati fil-gżira Għawdxija sabiex jitkompla jingħata dan is-servizz lill-Għawdxin.

Dan ħabbruh il-Ministri Clint Camilleri u Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Għawdex.

Matul dawn is-seba’ ġimghat, il-mobile unit tal-kampanja żar 14-il lokalità madwar il-gżira Għawdxija sabiex isir it-tqassim ta’ dawn il-kits li jippromwovi konsum aktar effiċjenti tal-ilma fid-djar. Kull residenza rċeviet vawċer u gift pack biex imbagħad jissarraf f’kit għall-iffrankar tal-ilma mill-mobile unit.

Il-Ministru Miriam Dalli qalet li l-bidliet żgħar fil-ħajja ta’ kuljum qed iwasslu biex isiru bidliet konsiderevoli.
“Il-water saving kits li tqassmu madwar Malta u Għawdex jistgħu jwasslu għal tnaqqis fil-konsum tal-ilma ta’ madwar 40,000 litru fis-sena għal familja b’erba’ membri. Permezz tal-installazzjoni ta’ dawn l-għodod u prattiċi effiċjenti tal-użu tal-ilma, il-konsum tal-ilma jonqos, li jfisser inqas impatt fuq l-ilma tal-pjan,” spjegat il-Ministru Miriam Dalli.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri faħħar il-ħidma ta’ din il-kampanja għall-konservazzjoni tal-ilma li daret il-lokalitajiet Għawdxin kollha fix-xahrejn li għaddew. Huwa qal li permezz ta’ din il-kampanja kompla jiżdied l-għarfien biex il-poplu jibża’ għall-ilma u rringrazzja lill-Ministru


Miriam Dalli u lis-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi tal-importanza li jagħtu lil proġetti li minnhom jistgħu jibbenefikaw l-Għawdxin u l-gżira Għawdxija.

Il-Ministru għal Għawdex ikkonkluda li l-gżira Għawdxija dejjem lesta biex tilqa’ aktar investimenti li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi fakkar li din il-kampanja tagħmel parti minn inizjattiva li qed issir b’investiment totali ta’ €24.4 miljun li minnhom, €21.2 miljun ġejjin minn fondi Ewropej.

Huwa spjega li l-għan tal-kampanja hija biex inkomplu nqajmu għarfien fuq l-importanza tal-ilma u għalhekk twaqqfu mobile units kemm fil-lokalitajiet Maltin kif ukoll Għawdxin sabiex jitqassmu water saving kits li fihom wieħed jista’ jsib oġġetti biex innaqqsu l-użu tal-ilma.

Dr Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ inizjattivi bħal dawn qed inkunu aktar qrib in-nies biex flimkien nieħdu ħsieb ir-riżorsa tal-ilma li hija tant importanti għalina.

Il-kampanja hi mmexxija mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli u hi kofinanzjata minn fondi Ewropej taħt proġett ta’ koeżjoni.

Il-kampanja se tkompli b’aktar distribuzzjoni fil-lokalitajiet Maltin.

pr211363a.jpeg 
 

Il-Ministri Clint Camilleri u Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbru t-tmiem tal-kampanja ‘L-Ilma – Ibda Minnek’.