Inawgurat il-proġett tas-Central Link b’investiment ta’ €55 miljun
Navigate Up
Sign In

Inawgurat il-proġett tas-Central Link b’investiment ta’ €55 miljun

Reference Number: PR220136, Press Release Issue Date: Jan 30, 2022
 
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU


“Malta li se nħallu lil uliedna se tkun iktar moderna, isbaħ u aħjar” – il-Prim Ministru Robert Abela
- 50% inqas f’ħin ta’ vjaġġar
- 66% inqas ta’ tniġġis tal-arja
- 11-il junction ġdida u 14-il kilometru ta’ korsiji ġodda
- 1,160 siġra indiġena ġdida u 13,744 arbuxella u pjanti oħra
- 10km ta’ passaġġi ġodda għall-mixi
- 4km ta’ passaġġi għaċ-ċikliżmu u għall-mixi

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, inawgura l-proġett tas-Central Link b’investiment ta’ €55 miljun.

Mill-2017 ’il quddiem dan il-gvern imbarka fuq l-ikbar proġetti infrastrutturali fl-istorja ta’ pajjiżna u s-Central Link huwa xhieda ħajja ta’ dan. Dan il-proġett jifforma parti minn kullana ta’ proġetti oħra li l-gvern ħadem fuqhom bil-għan li jkompli jibni fuq it-tajjeb li diġà sar filwaqt li jifhem il-prijoritajiet ġodda li għandu l-pajjiż għaż-żmien li ġej.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li ekonomija li r-ritmu tat-tkabbir tagħha kien fost l-aqwa, riedet tkun sostnuta b’investiment infrastrutturali bla preċedent.

“Biżżejjed ngħid li investejna total ta’ €140 miljun f’sensiela ta’ proġetti infrastrutturali li bihom il-poplu se jieħu benefiċċji li jammontaw għal €1.2 biljun f’ħin iffrankat, spejjeż anqas għan-negozji u inqas emissjonijiet. Għal kull ewro li investejna, il-benefiċċji li wieħed jieħu jimmultiplikaw ruħhom b’ħafna drabi,” qal il-prim ministru.

Dr Abela innota li dan huwa gvern li għandu wkoll prijoritajiet ġodda; l-ambjent u l-ispazji miftuħa fuq quddiem nett. “Kemm hu sinjifikattiv li ninsabu proprju hawn, fid-daħla ta’ Ta’ Qali, biex ninawguraw dan il-proġett kbir u importanti. Mhux kumbinazzjoni li ntgħażel dan il-post,” stqarr il-prim ministru.

F’dan il-kuntest, il-prim ministru rrefera għal żewġ proġetti oħra massivi li bħalissa għaddej ix-xogħol fuqhom.

“Huwa proprju ftit bogħod minn hawn fejn qed inwettqu wieħed mill-ikbar proġetti ta’ spazji miftuħa. Partijiet minnu lesti, oħrajn jinsabu fi stat avvanzat. Dak li ma sarx f’ħafna snin qed nagħmluh illum. Biżżejjed idduru warajkom u taraw anke l-Crafts Village jieħu l-ħajja. Ta’ Qali se jkun wieħed mill-isbaħ attrazzjonijiet fil-pajjiż. Għall-Maltin u għat-turisti se noffru post ta’ livell internazzjonali.”

Il-prim ministru qal li attwalment dan huwa gvern li baqagħlu ħafna xi jwettaq. “Se nlestu iktar xogħlijiet. Se nniedu iktar proġetti. Se nattiraw iktar investiment. Malta li se nħallu lil uliedna se tkun iktar moderna, isbaħ u aħjar,” temm jgħid Dr Abela.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg qal li l-proġett tas-Central Link kien ilu sittin sena fuq l-ixkaffa b’detriment għall-familji tal-inħawi.

“Ħaddieħor beża’ jieħu d-deċiżjonijiet. Ħadd ma ried iċappas idejh bir-responsabbiltà. Iżda dan il-gvern kellu viżjoni. Aħna emminna fil-potenzjal tal-proġett, smajna u biddilna fejn kien hemm bżonn, għamilna kuraġġ,stinkajna, ħadna deċiżjoni u minn pjan fuq il-karta għamilnieh realtà. Illum qed naqtgħu l-frott ta’ ħidma li ma taqta’ qatt u dan kulħadd qed jirrikonoxxih. Rajna li s- ​Central Link ikun proġett ieħor infrastrutturali ħolistiku fejn żidna l-mobbiltà permezz tal-itwal cycle lane li qatt kellna f’pajjiżna b’tul ta’ 4.3km. Apparti hekk rajna li jkun mera tal-viżjoni ta’ dan il-gvern favur l-ambjent u favur is-saħħa tal-bniedem”.


“Is-Central Link se jkun qed inaqqas il-ħin tal-ivjaġġar bin-nofs, b’66% it-tniġġis tal-arja u b’41% l-emissjonijiet ta’ nitrogen dioxide, gas li huwa wieħed mill-kawżiet prinċipali għal mard respiratorju. Sebbaħna dan il-proġett b’1,160 siġra indiġena ġdida u 13,774 arbuxell u pjanti oħra. Il-gvern jinsab impenjat li jkompli jinvesti fl-infrastruttura ta’ kull tip sabiex pajjiżna jkompli jimxi ’l quddiem fil-kwalità u fl-effiċjenza, biex inkomplu nilħqu b’mod sostenibbli l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet ta’ pajjiżna llum u fil-ġejjieni, filwaqt li nkomplu nagħtu lill-familji f’pajjiżna kwalità ta’ ħajja aħjar,” ikkonkluda l-Ministru Borg.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-proġett tas-Central Link qed jiġi kofinanzjat taħt żewġ programmi ffinanzjati mill-UE, €11-il miljun minnhom ġejjin mill-Fond ta’ Koeżjoni u €4miljuni qed jiġu ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Hu spjega li permezz ta’ dan il-proġett se jonqsu drastikament il-konġestjonijiet tat-traffiku li se jirriżulta f’inqas emissjonijiet u arja aktar nadifa.

Dr Zrinzo Azzopardi qal li grazzi għall-fondi Ewropej qed inkomplu ntejbu l-immaniġġjar tat-traffiku u nippromwovu l-użu ta’ mezzi alternattivi ta’ trasport li jindirizzaw problemi ambjentali relatati mat-traffiku, bl-għan aħħari li nkomplu nassiguraw kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Maltin u għall-Għawdxin.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, l-Inġinier Fredrick Azzopardi, irringrazzja lill-ħaddiema u lill-organizzazzjonijiet kollha involuti f’dan il-proġett, għall-kuraġġ, għad-diliġenza u għall-koperazzjoni tagħhom. Infrastructure Malta kkoperat mal-partijiet interessati kollha biex timmassimizza l-benefiċċji soċjali, ambjentali u ekonomiċi ta’ dan l-investiment. Il-persuni kollha li ħadmu fuq dan il-proġett urew professjonaliżmu mill-aqwa hekk kif indirizzaw bosta sfidi biex jiżviluppaw infrastruttura sostenibbli għal kwalità ta’ ħajja aħjar.

pr220136a.jpg 
pr220136b.jpg 

 Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, inawgura l-proġett tas-Central Link b’investiment ta’ €55 miljun.