L-ewwel korsiji tal-Luqa Junction Project se jinfetħu f’nofs din is-sena
Navigate Up
Sign In

L-ewwel korsiji tal-Luqa Junction Project se jinfetħu f’nofs din is-sena

Reference Number: PR220394, Press Release Issue Date: Mar 21, 2022
 
 
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ


Waqt żjara li saret fejn ġew segwiei x-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fuq il-Luqa Junction Project, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbru li l-ewwel korsiji ta’ dan il-proġett, kif ukoll dak tal-mini ta’ Ħal Kirkop u l-intersezzjoni tal-ajruport (KTAIP), se jinfetħu sa nofs din is-sena.

L-istrutturi tal-azzar li se jiffurmaw il-gvieret taż-żewġ flyovers, bħalissa qed jinħadmu f’fabbrika f’Sevilja, fi Spanja, u l-ewwel partijiet minnhom mistennija jibdew il-vjaġġ tagħhom lejn Malta fil-ġimgħat li ġejjin. Dawn qed jinħadmu mill-kumpanija Megusa li għandha storja ta’ 180 sena u li kienet responsabbli mill-bini ta’ strutturi simili u pontijiet kbar fi Spanja.

Il-Ministru Ian Borg semma li dawn iż-żewġ proġetti huma fost l-akbar proġetti infrastrutturali li se jsiru f’pajjiżna għal din is-sena u sostna dwar id-differenza li se joħolqu biex il-poplu jkompli jgawdi minn infrastruttura tal-ogħla kwalità u aktar sostenibbli.

“Dawn iż-żewġ proġetti se jkunu wirja oħra ta’ gvern li jippjana b’mod ħolistiku u għall-benefiċċju taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Ta’ min isemmi li flimkien, ladarba jkunu lesti dawn iż-żewġ proġetti, se jikkontribwixxu għal 74% ta’ tnaqqis fil-ħin ta’ vjaġġar u se jwasslu wkoll għal titjib sostanzjali fil-kwalità tal-arja f’Ħal Luqa, fil-Gudja u nħawi oħra fil-viċinanzi. Se nkunu qed niżguraw aktar sigurtà hekk kif se nkunu qed neliminaw żewġ żoni li huma magħrufin għall-inċidenti. Dan il-gvern kelmtu jżommha u b’dan il-proġett qegħdin naraw li nbiddlu wkoll il-medda ta’ art kbira fejn bħalissa hemm ir-roundabout fi spazju miftuħ li se jkun fih daqs nofs grawnd tal-futbol sabiex il-biċċa l-kbira tal-proġett tkun riservata għal post ta’ rikreazzjoni b’ħafna siġar, passaġġi, b’xogħlijiet tal-arti u b’aċċess faċli biex wieħed ikun jista’ jaċċessah faċilment.”

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-gvern huwa kommess li jsaħħaħ l-infrastruttura ta’ pajjiżna speċjalment fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta. Dawn il-proġetti se jiffaċilitaw aktar l-aċċess lejn postijiet importanti f’pajjiżna bħalma huwa l-ajruport, il-Freeport u anke għar-residenti li jgħixu ż-Żurrieq u fl-irħula tal-madwar.

Huwa stmat li l-KTAIP u l-Luqa Junction Project se jnaqqsu l-emissjonijiet tal-materja partikulata b’disa’ tunellati kull sena u dawk tal-carbon dixoide bi 33,000 tunellata kull sena.

Il-Luqa Junction Project se jinkludi wkoll passaġġ għall-mixi u għar-roti li se jkun mifrud mit-triq tul parti minn Triq il-Kunsill tal-Ewropa sabiex jingħaqad mal-korsiji għar-roti u l-bankini li diġà hemm fi Vjal l-Avjazzjoni.

pr220394a.jpg 
pr220394b.jpg
Waqt żjara li saret fejn ġew segwiei x-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fuq il-Luqa Junction Project, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbru li l-ewwel korsiji ta’ dan il-proġett, kif ukoll dak tal-mini ta’ Ħal Kirkop u l-intersezzjoni tal-ajruport (KTAIP), se jinfetħu sa nofs din is-sena.