Navigate Up
Sign In

Qari għal Qalbi’ - skema ġdida ta’ librerija diġitali b’240 ktieb bil-Malti

Reference Number: PR192378, Press Release Issue Date: Nov 06, 2019
 

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL U MISSEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ U DJALOGU SOĊJALI

 

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u s-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali nedew skema ġdida bit-titlu ‘Qari għal Qalbi’. Din l-iskema hija librerija diġitali  b’240 ktieb bil-Malti u tagħmel parti mill-proġett One Tablet per Child, ko-finanzjat mill-fondi Ewropej.

Il-kotba diġitali f’din il-librerija huma mqassma skont livelli differenti biex l-istudenti kollha jsibu l-kotba adattati għalihom. Permezz tal-iskema l-istudenti jagħmlu taħriġ il-fehem qabel ma jibdew jaqraw sabiex b’mod awtomatiku, l-applikazzjoni tagħżel l-aħjar livell għal kull student skont ilkapaċitajiet tiegħu/tagħha fil-qari. Din l-applikazzjoni interattiva tiffaċilita wkoll il-qari għallistudenti b’dyslexia. Din għandha l-faċilità ta’ qari awdjo (audio reading) li tgħin lill-istudenti jtejbu l-pronunzja tagħhom fil-qari.

‘Qari għal Qalbi’ toffri esperjenza unika lill-istudenti biex jitħeġġu jaqraw iktar u jkunu aktar indipendenti fit-tagħlim tagħhom. B’hekk l-istudenti jżidu l-għarfien u l-vokabularju tagħhom kif ukoll il-ħiliet fil-kitba.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo rringrazzja lid-Direttorat tal-Litteriżmu Diġitali u lill-Aġenzija tal-Litteriżmu li flimkien ma’ Octavo Team ħadmu biex din l-iskema setgħet tidħol fis-seħħ. Il-ministru saħaq li waħda mill-miri ewlenin tal-proġett One Tablet per Child hi li listudenti għandhom il-faċilità li jaċċessaw din il-librerija kull ħin u minn kullimkien minn fuq ittablet tagħhom.

Il-ministru saħaq li d-dinja nbidlet u għandna skejjel avvanzati u mgħammra bit-teknoloġija diġitali iżda l-importanti hu kif nużawhom. B’dawn il-kotba diġitali qed inkomplu nżidu l-kontenut diġitali bil-lingwa Maltija li tinsab fil-periklu li ma tibqax tintuża. Għalhekk hu importanti li nżidu u nallokaw fondi biex inżidu aktar materjal diġitali bil-Malti biex insaħħu l-ilsien tagħna, temm jgħid il-Ministru Bartolo.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia qal li l-proġett tal-One Tablet per Child, flimkien ma’ inizjattivi u ma’ programmi oħra edukattivi, qed isiru bilgħan li nilħqu l-miri Ewropej għas-sena 2020, innaqqsu l-ammont ta’ early school leavers u noħolqu pjattaforma biex l-istudenti jitgħallmu fl-era diġitali u eventwalment jingħataw dawk ilħiliet necessarji għad-dinja tax-xogħol ta’ issa u l-industriji l-ġodda tal-futur.

“Qed naħdem biex fiż-żmien li ġej pajjiżna jikseb iktar fondi biex nimirħu anke fid-dinja diġitali ta’ smart specialisation hekk kif qed naħdmu fuq diversi proġetti mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u hekk kif se jirduppjaw il-fondi Ewropej tal-programm Erasmus. Il-programm ta’ fondi għas-snin li ġejjin għandu tnejn minn ħames miri li jiffukaw direttament fuq dan is-settur u allura ħidma għal Ewropa diġitali u Ewropa iktar soċjali biex uliedna jkunu preparati għal dinja iktar globalizzata u iktar kompetittiva,” qal Aaron Farrugia.

Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti wkoll is-Segretarju Parlamentari għażŻgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Francis Fabri u l-Kap Eżekuttiv ta’ Octavo Team Tony Zahra.