STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI
EWROPEJ
L-Unjoni Ewropea qegħda talloka aktar minn €4 miljun ta’
Fondi Ewropej b’appoġġ għal għaxar proġetti li jgħinu fil-bini ta’ kapaċitajiet
u riformi fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika Maltija.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan
Zrinzo Azzopardi qal li dawn l-għaxar proġetti li kkwalifikaw għal din
l-għajnuna teknika jolqtu diversi setturi ta’ policy fl-amministrazzjoni
pubblika fosthom il-mobbiltà b’mezzi ambjentalment nodfa, ir-rinnovazzjoni,
il-qasam tas-saħħa, it-turiżmu, finanzi sostenibbli, il-ġlieda kontra
t-traffikar tal-persuni u l-iżvilupp sostenibbli.
Is-Segretarju Parlamentari stqarr li dan l-istrument
Ewropew ta’ Appoġġ Tekniku kompla jkun ta’ sostenn għall-proċess ta’ riformi
f’diversi setturi f’Malta u dan jikkumplimenta policies nazzjonali u
investimenti mill-Unjoni Ewropea f’Malta. Dan l-istrument qed ikompli jiġbed
l-interess ta’ diversi entitajiet nazzjonali u fil-fatt fis-sejħa ta’ din
is-sena ntagħżlu aktar proġetti mis-sejħa tas-sena ta’ qabel. L-għan ta’ dan
l-appoġġ hu li jkompli jibni fuq l-implimentazzjoni b’suċċess ta’ inizjattivi
li ttieħdu taħt programmi ta’ għajnuna teknika oħrajn.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi temm
jgħid li l-proġetti f’Malta li se jkunu mgħejjuna minn dan il-programm
jikkontribwixxu wkoll fl-ambitu tal-politika tal-Unjoni Ewropea dwar
it-tranżizzjoni għal ekonomija ħadra u diġitali, u anke għall-miri ta’ żvilupp
sostenibbli. Dan ukoll se jgħin lil Malta tkompli tavvanza fl-isforzi tagħha
biex il-pajjiż ikollu ambjent aħjar, soċjetà aktar diġitali u pajjiż li jagħti
servizz aħjar lin-negozju u liċ-ċittadini.